Sunday, 17 June 2012

Dar Frate Jacoba... komunità unika!

http://www.torca.com.mt/FullArticle.php?ID1='Features'&ID2=42186


Dar Frate Jacoba... komunità unika!minn michelle lia





Nhar l-Erbgħa filgħodu kelli l-opportunità mill-isbaħ li nżur Dar Frate Jacoba. Dar speċjali magħmula minn komunità żgħira li fiċ-ċokon tagħha toffri tant għajnuna u paċi għal kull min jirfes fiha. Fjuri, pjanti, siġar, żara’, annimali u ħidma sfieqa magħmula mill-qalb... l-imħabba taraha u tmissha b’idejk.
Hekk kif wasalt ġie jilqagħni Fr Mark Ciantar, Patri Franġiskan, li dak il-ħin kien diġà beda jagħmel xi xogħol fir-raba’. Wara dawra mad-dar, jispjegali l-proġetti li għamlu, dwar ir-raba’, pjanti u annimali li jieħdu ħsieb, u l-proġetti li għad iridu jaħdmu fuqhom, poġġejna għad-dell ta’ umbrella fil-ġnien sabiħ li toffri din id-dar, bl-għasafar ipespsu madwarna, il-klieb jinbħu għal kull min jgħaddi fil-viċinanzi...
Fr Mark beda biex spjegali l-għan prinċipali ta’ din id-dar, dak li joffru lin-nies – anke dawk bi bżonnijiet soċjali taħt diversi forom – ambjent li fih jistgħu jgħixu l-ħajja fil-milja kollha tagħha. Opportunità għall-persuni bi bżonnijiet soċjali diversi. Dar b’kunċett ta’ permakultura, li skont il-fehma tiegħu u sħabu fil-fondazzjoni mwaqqfa Youth Alive, se jkun ta’ benefiċċju għaliha u għal dawk li jagħmlu esperjenza diretta magħha, kif ukoll biex tibda titnissel mentalità favur l-ambjent u l-użu sostenibbli tar-riżorsi li għandha.
“Din id-dar magħmula minn lajċi u reliġjużi, irġiel u nisa, tipprovdi l-opportunità li wieħed jgħix f’komunità miftuħa, bil-għan li jġedded il-mixja spiritwali u s-sejħa tiegħu,” qalli Fr Mark.
Din il-ħolma li saret realtà tmur lura ftit sew fis-snin. Fr Mark jirrakkonta li meta kien għadu kemm iqaddes, fil-fond ta’ moħħu kellu x-xewqa u l-ħolma li jsib mezz tajjeb u dirett kif ikun ta’ għajnuna għas-soċjetà, speċjalment dawk bi bżonnijiet soċjali, li jgħixu f’realtà iebsa u kerha.

Youth Alive

Fis-sena 1996, meta ġie lura mill-Italja, fejn diġà kien espost direttament maż-żgħażagħ, flimkien ma’ Fr Bernard, illum mejjet, kien miftiehem li jibqa’ s-Sacro Cuor, f’Tas-Sliema u jippruvaw iqajmu l-pastorali maż-żgħażagħ. Xogħol li kien jogħġob ħafna lil Fr Mark, aktar u aktar meta beda jara r-rispons taż-żgħażagħ. Twaqqaf il-grupp Youth Alive, għar-raġuni li kien hemm żgħażagħ imqajmin mhux ħażin, il-karatteristika tal-grupp.
“Kienet sfida kbira għalija, hekk kif kont għadni żgħir fl-età, bla esperjenza. Iżda mill-banda l-oħra kont ngħid li la Alla kien qed jibgħathomli kien sinjal li jrid xi ħaġa minni. U biċ-ċajt iċ-ċajt għaddew sitt snin bil-grupp dejjem jissaħħaħ. Minn hemm     diġà bdejna nieħdu l-idea li naħdmu fuq żgħażagħ li jkol-lhom ċerti bżonnijiet, li għal xi raġuni ma jiffittjaw imkien fis-soċjetà,” kompla jgħid Fr Mark.

Il-ħolma tad-dar

“Jien u Fr Ray, li ilu għal dawn l-aħħar 22 sena jaħdem direttament maż-żgħażagħ, uħud bi problemi bid-droga, konna nitkellmu dwar il-ħolma li jkollna fejn niġbru ż-żgħażagħ bi bżonnijiet soċjali, li għalkemm kienu jiġu ċ-ċentru f’Tas-Sliema, iżda ma kienx biżżejjed. Xtaqna naq-tgħuhom mid-dar u nuruhom ħajja oħra, li hu possibbli li tgħix kuntent. Iżda kellna l-ikbar ostaklu... minn fejn konna se nġibu l-flus?”
B’miraklu fl-2007 ngħatat donazzjoni lill-grupp, li diġà beda jieħu x-xejra ta’ moviment u minnufih bdew ifittxu post bi spazju kbir għal potenzjal tajjeb ta’ permakultura sa ma fi żmien xahrejn sabu r-razzett li jinsabu fih. Razzett li jinsab fi Triq Wied iz-Ziju, f’Wied il-Għajn, it-tieni daħla fuq il-lemin minn kif taqbeż iċ-Chef’s Choice, int u ġej minn Ħaż-Żabbar, ħdejn l-impjant ta’ Sant’Antnin.
“Simultanjament max-xiri konna waqqafna l-Fondaz-zjoni Youth Alive. Sal-lum għad hawn minnhom involuti sew fil-fondazzjoni u anke membri tal-bord. Nies li kibru fl-età, li raw il-grupp jitwieled, li baqgħu jsegwu l-proċess.”
Minbarra Fr Ray u Fr Mark, f’Dar Frate Jacoba (Jacopa dei Settesoli – 1190-1239 kienet mara nobbli miżżewġa, omm u armla b’qalb Franġiskana) jgħixu wkoll erba’ voluntiera oħrajn, li għażlu li jitilqu mid-dar u jmorru joffru l-enerġija u wkoll għajnuna finanzjarja. Filwaqt li filgħaxija jiżdiedu voluntiera oħrajn, żgħażagħ, meqjusa bħala parti mill-komunità, li jmorru jagħtu l-għajnuna tagħhom ta’ kuljum, wara l-ħin tax-xogħol.
Dar Frate Jacoba timxi bil-ħidma tal-persuni li jgħixu fiha. Ħidma li fil-bidu kienet iebsa mhux ħażin biex irranġaw il-post, iżda grazzi għall-voluntiera li ħassew tant kuntentizza li se jaħdmu proġett tagħhom, imxiet ħarir u b’riżultati tajbin ħafna.
“Bdejna nixtru l-makkinarju meħtieġ bil-mod il-mod. Għax fil-bidu konna naħdmu kollox b’idejna. Issa huwa sodisfazzjon li se nkomplu naħdmu fuq proġett ieħor, dak li nżidu l-kmamar għar-residenti. Proġett li se jiswiena madwar €200,000. Mhix ċajta.”
Jiftakar li hekk kif xtraw il-post kienu ttrasferew ruħhom mal-ewwel fih, bil-laqgħat li jsiru regolarment b’kollox.

Residenti

Bħalissa fid-dar jinsabu żewġ residenti, żewġ żgħażagħ żgħar fl-età, u s-sodda l-oħra se timtela ma ddumx minn żagħżugħ ieħor żgħir fl-età wkoll. Żewġ ġuvintur li ltqajt magħhom, filwaqt li kie-nu qegħdin jagħmlu xi ħidma fil-ġnien, li dalwaqt jagħlqu sentejn fid-dar.
“Bħalissa f’Malta hawn bżonn ta’ għajnuna mal-adolexxenti, speċjalment subien. Ħafna drabi l-problemi jkunu ġejjin mill-familja.”
Fr Mark irrakkontali li kemm ilu f’dan ix-xogħol fehem li din hija dinja oħra, li trid tidħol fiha biex tifhem sew. It-tfal tant ikunu ilhom jiġu sfruttati li jispiċċaw jużaw l-istess tattika mal-oħrajn. Iltaqgħu ma’ diversi forom ta’ bżonnijiet soċjali, minn persuni bi problemi ta’ droga, alkoħol, iltima, imwarrba minn familthom...
“Hija responsabbiltà speċjalment meta jkunu għadhom żgħar, għadhom qegħdin jitgħallmu x’inhi responsabbiltà. Tgħallimna li trid timxi każ b’każ, hekk kif mhux kulħadd huwa l-istess. Kontra qalbi jkolli ngħid li mhux dejjem ikollna każi ta’ suċċess, iżda qatt ma tista’ taqta’ qalbek mill-bniedem. Nemmnu ħafna f’‘tough love’ filwaqt li fl-istess ħin inħallu l-bieb imbexxaq. Nemmnu li l-bniedem almenu, anke jekk ma rranġax fuq livell oġġettiv, minn barra, però almenu meta għada pitgħada jiġi li jagħlaq għajnejh minn din id-dinja, jaf li kien hemm xi ħadd li jirrispettah. U din tagħmel id-differenza kollha,” kompla Fr Mark.
Uħud mill-każi jkunu rakkomandati minn aġenziji bħal Appoġġ, oħrajn insiru nafu bihom min-nies jew jiġu huma stess. Każ partikolari huwa ta’ persuna drogata li waslitilhom l-informazzjoni li kienet qiegħda torqod fil-karozza.
“Kellna min ġie ma’ tal-familja, min ġie direttament mill-ħabs hekk kif sar jaf bina. Persuna partikolari kienet ikkuntattjatna wara li bdiet torqod fuq il-bankijiet barra t-triq, minn bank għall-ieħor bil-Pulizija tkeċċiha wara li ħarġet mill-ħabs. Persuna li kellha wkoll problema ta’ alkoħol.
“Jeżistu dar-realtajiet Malta. Inkredibbli. Lanqas kont naf bihom,” qal Fr Mark.
Kompla jispjega li f’Dar Frate Jacoba jimxu ħafna fuq il-fiduċja. Mhuwiex ħabs. Post miftuħ, mhux imsakkar. Iżda x-xatba hija simbolika. Regoli mill-inqas. Hekk kif titgħallem tkun responsabbli tingħata l-fiduċja.
“Fiż-żmien li jgħaddu f’din id-dar nuruhom li jridu jaħdmu biex jieklu, li l-ħela mhix tollerata biex għada pitgħada joħorġu mingħandna rġiel u nisa ta’ vera. Aħna hawnhekk nimxu fuq il-kunċett li l-bniedem mhuwiex imbeċilli. Alla tah moħħ u ġisem biex jużahom. Għalhekk dak li jistgħu jagħmlu huma mhux se nagħmluhulhom aħna. Ngħallmuhom jużaw il-‘washing machine’ biex jaħslu ħwejjiġhom, jonxruhom, jgħadduhom, jaħslu l-art, isajru... Il-kelma ‘ma nafx’ mhijiex aċċettabbli, u l-bnie-dem jitgħallem. Fl-istess ħin inġemmgħulhom dak li nistgħu bħala flus u nagħtuhom ‘pocket money’ biex għada pitgħada jkollhom xi ħaġa taħt rashom.”
Aħna u nitkellmu proprju ġie jżurhom żagħżugħ li għadda madwar sentejn magħhom wara li ħareġ mill-istitut u safa’ bla saqaf fuq rasu. Każ ta’ suċċess hekk kif illum sab jaħdem, u jaqla’ paga tajba, kera post u qed jgħix ħajja tajba. Żagħżugħ li baqa’ jmur iżurhom minn tal-inqas darba fil-ġimgħa. Jgħaddi ġurnata magħhom. Żgħażagħ li jmorru jgħaddu ftit ħin jistrieħu fid-dar li laqagħthom meta kellhom tant bżonn.
“Meta tikkunsidra kif ġie hawnhekk għamel progress kbir għax ikkopera. Apparti li l-ambjent jgħin ħafna. Niftakar li meta kien wasal hawnhekk ma kien jaf jagħmel xejn.”
Qalli li huma jgħallmu dejjem kemm lir-residenti kif ukoll lil dawk li jżuru d-dar li dak li jkollhom f’qalbhom, iżommuh, jgħożżuh, jibqgħu jaħdmu għalih... “għax għad jiġi żmien li twettquh, basta ma taqtgħux qalbkom.”

Għajnuna

Mistoqsi dwar l-għajnuna li tingħata lir-residenti, Fr Mark spjega kif ir-residenti jingħataw dak kollu meħtieġ, li ġieli jkunu diġà bdew jingħataw minn qabel ma jmorru joqogħdu fid-dar. Bħal għajnuna ta’ ‘social workers’, psikologi, tobba, avukati, nutara, għalliema, ‘counsellors’, kif ukoll edukazzjoni. Apparti l-volontarjat ta’ xogħol manwali.
Infatti wieħed miż-żewġ żgħażagħ li hemm bħalissa ma jitteħidx l-iskola, iżda kellha ssir ħidma sfieqa biex jingħata ‘private tuition’ fid-dar stess, hekk kif kien se jkun ta’ ħsara għalih li jkun espost ma’ tfal oħra fl-iskola li kien se jintbagħat. Filwaqt li l-ieħor għadu kemm ingħata ċ-ċertifikat ta’ tmiem is-sena skolastika, Form 5, u għadu kemm għamel l-eżamijiet tal-‘O’ Levels.
“Għandna ħafna u ħafna nies li joffrulna l-għajnuna volontarja, li m’għandniex fomm biex nirringrazzjaw-hom. Ovvjament ma jonqosx li s-sejħa tibqa’ miftuħa. Iżda attwalment aktar milli għall-volontarjat nagħmel talba fuq livell ekonomiku, hekk kif diġà semmejt il-proġett li jmiss se jiswiena madwar €200,000.”

Programm tal-ġurnata

Il-programm tal-ġurnata f’Dar Frate Jacoba huwa mqassam f’ħajja sempliċi. Dan jikkonsisti f’li filgħodu kulħadd imur għal xogħlu, min imur ix-xogħol u min jaħdem fid-dar stess.
Wara nofsinhar jingħaqdu kollha, hekk kif jirritornaw mix-xogħol, u kulħadd jiddedika ħinu fuq il-ħidma tiegħu, min il-kċina, min ħasil, għelieqi, ‘maintenance’.
Għal xi 7.30pm jingħaqdu fil-kappella għal quddiesa u meditazzjoni għall-kwiet, jieklu u jerħulha għall-mistrieħ. Imbagħad il-Ħadd, sakemm ma jkollhomx in-nies li jkunu qegħdin iqattgħu rtir, tkun ġurnata ta’ mistrieħ, kemm jagħlfu lill-annimali.
Ġieli jilqgħu wkoll xi gruppi għal xi rtir jew seminar, jew konferenza li sservi ta’ ġbir ta’ fondi. F’każi bħal dawn jaraw li joffrulhom servizz mill-aħjar li jistgħu, dak li jkunu jixtiequ, minn ikel, kafè għal quddiesa.
“Bħala laqgħat ta’ formaz-zjoni Dar Frate Jacoba toffri laqgħa importanti ħafna, il-Lectio Divina, ‘bible sharing’, kull nhar ta’ Erbgħa fit-08.30pm. Opportunità biex kemm ir-residenti tad-dar kif ukoll in-nies minn barra d-dar, il-pubbliku in ġenerali, jistgħu jattendu għal opportunità biex jisimgħu, jifhmu u jitolbu bil-Kelma. Aħna nqisuha li hija s-sinsla tad-dar, għax tgħaqqad ħafna. Konna bdejniha lura fiż-żmien, tnax-il sena ilu. Il-Kelma t’Alla ma tħallikx kwiet u lill-grupp tatu ċerta formazzjoni. Dak li jkun jikkonfronta lilu nnifsu. Punt ta’ riferiment li jgħaqqad lil kulħadd.”
Il-fondazzjoni tieħu ħsieb ittella’ inizjattivi oħrajn ukoll matul is-sena, korsijiet, fosthom fuq l-iżvilupp tal-litteriżmu ekoloġiku, irtiri, pellegrinaġġi, ‘counselling’, direzzjoni spiritwali, korsijiet ta’ spiritwalità, ‘live-ins’, l-Eżerċizzi tar-Randan, ċelebrazzjonijiet Franġiskani u ‘open weekends’.

Permakultura

“Il-futur hemm qiegħed”

Fr Mark jemmen li s-soluz-zjoni tal-kriżi li ħafna jinsabu fiha, għada pitgħada se tkun f’komunitajiet bħal Dar Frate Jacoba. Xi ħaġa li diġà qiegħda sseħħ. Lura għall-metodi kif kienu jgħixu qabel.
“Irridu nitgħallmu nerġgħu ngħixu flimkien. Ningħaqdu. Ikollok minn kollox biex tgħix, u tpartat għal dak li jonqsok. Nemmen li l-futur hemm qiegħed. ’L hemm se nerġgħu mmorru. Għax illum qegħdin nindunaw li l-ħajja li qegħdin ngħixu mhijiex taħdem. Nixtieq li jingħaqdu komunitajiet oħrajn bħal tagħna. Xogħol li jogħġobni ħafna li ma nimmaġinanix ngħix mingħajru. Naħseb li għandna bżonn spazji bħal dawn għax nara li l-ispiritwalità ġiet traskurata. Jekk se titma’ l-moħħ, il-qalb, il-ġisem... trid titma’ wkoll lill-ispirtu. Għax fil-prattika huwa l-ispirtu li jżomm kollox wieqaf.
“Ħafna qegħdin jindunaw xi żball sar... li kienet traskurata l-ispiritwalità. Irridu jkollna komunità mħallta minn kull tip ta’ nies, ta’ ‘background’, ta’ livell akkademiku, ta’ stat ta’ ħajja u ħadd ma jagħti importanza dak li tagħmel imma dak li int u tieqaf hemm. Jaqgħu l-ħitan...”
Naqbel miegħu perfettament hekk kif ħassejtni f’armonija, paċi, ġabra, spirit-walità... f’posti. Ma tkunx trid terġa’ toħroġ għall-ħajja mgħaġġla u storbjuża ta’ kul-um. Dar li żgur nerġa’ nżur!

http://www.torca.com.mt/FullArticle.php?ID1='Features'&ID2=42186


 

 

 

 

 

1 comment:

  1. am an 82 year old lady and am very interested in permaculture. I have a nice garden with orange trees etc and wonder if you could give me hints to follow permaculture ways of planting weeding etc. Is it possible to visit your place and talk further. many thanks Margaret Grima

    ReplyDelete